- Waqt djalogu konsultattiv qabel il-Budget 2027 mal-MDA Dr Abela jħabbar ukoll li l-INDIS diġà identifikat numru ta' siti adattati
Il-Prim Ministru Robert Abela kompla bil-proċess ta' konsultazzjoni ta' qabel il-Budget 2027 permezz ta' laqgħa mar-rappreżentanti tas-settur tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni, fejn ġew diskussi l-prijoritajiet, l-isfidi u l-proposti tagħhom.
Matul din il-laqgħa l-Prim Ministru Abela tenna li mill-ewwel ġranet ta' din il-leġiżlatura, dan il-Gvern tellaq djalogu miftuħ madwar ir-riforma fil-proċedura tal-appelli fl-ippjanar. Huwa qal li din hija riforma maħsuba biex tagħti saħħa reali lill-proċess tal-appell, permezz tal-introduzzjoni ta' sospensjoni awtomatika ta' kwalunkwe xogħol relatat ma' permess ta' żvilupp li jkun jinsab taħt appell quddiem it-Tribunal jew il-Qorti. Flimkien ma' din is-sospensjoni, Dr Abela nnota li l-Gvern qed jipproponi timeframes ċari kif ukoll mekkaniżmu diġitali li jiffaċilita u jsaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-proċess. “Wara konsultazzjoni pubblika mill-Ministeru kkonċernat, issa qegħdin fil-fażi li nikkonsolidaw il-verżjoni finali qabel il-pubblikazzjoni u l-proċess parlamentari," qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru ħabbar li wara proċess estensiv ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati l-qafas ta' politika li tirrigwarda l-installazzjoni u l-użu tal-pannelli fotovoltajiċi f'żoni industrijali issa ġie finalizzat u kiseb l-approvazzjoni tal-Kabinett aktar kmieni dan ix-xahar. B'mod parallel, INDIS diġà identifikat numru ta' siti adattati sabiex jingħata bidu għal dan il-proċess, u qed tħejji biex toħroġ sejħa għal espressjonijiet ta' interess fl-istess żmien tat-tnedija formali ta' din il-politika.
Huwa kompla jgħid li bħalissa għaddejja ħidma biex jiġu finalizzati d-dokumenti legali u operattivi meħtieġa, sabiex il-proċess ikun jista' jibda immedjatament mat-tnedija tal-inizjattiva.
Il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li għandha tiġi ffaċilitata t-triq għal dawk li għandhom id-dritt u jixtiequ jinvestu fil-bini u l-kostruzzjoni, daqstant ieħor għandhom jiġu protetti t-terzi. Huwa semma li fl-ewwel mitt jum ittieħdet miżura importanti oħra bl-introduzzjoni ta' fond għall-ħsarat li jsofru terzi. Permezz tiegħu, il-garanzija bankarja ġiet sostitwita b'mekkaniżmu ġdid fejn il-Gvern jidħol għar-responsabbiltà li jirkupra d-danni.
Huwa kompla jgħid li dan jibni fuq miżuri oħra li diġà daħlu fis-seħħ u li huma mmirati biex tingħata aktar protezzjoni lill-pubbliku, fosthom il-Helpline 138 u s-servizz ta' periti u avukati mingħajr ħlas. Il-Helpline 138 qed jintuża mill-pubbliku biex jiġu rrappurtati abbużi jew tħassib marbut ma' bini u siti ta' kostruzzjoni, u qed ikun għodda importanti biex inkomplu nassistu lil dawk milquta minn dawn is-sitwazzjonijiet.
Dr Abela nnota kif madwarna hawn diversi ekonomiji li qegħdin għarkupptejhom u qed jogħtru, “filwaqt li Malta għaddejja b'ekonomija b'saħħitha, b'investiment li għadu għaddej b'ritmu qawwi u dan is-settur li tirrapreżentaw qed jikkontribwixxi għal dan."
Il-Prim Ministru temm jirreferi għall-garanzija li ta l-Ministru tal-Finanzi fil-qasam tal-enerġija, jiġifieri li s-sussidji se jibqgħu jingħataw. Huwa qal li dan se jkompli joffri s-serħan il-moħħ u l-istabilità li l-ekonomija teħtieġ.
Jakkumpanjaw il-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Silvio Schembri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jonathan Attard, Jo Etienne Abela u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.